Komunità Ulied Marija Ewkaristika
Il-Fundatur George Grima, li twieled il-Marsa fit-28 ta’ Lulju 1941 u miet fis-7 ta’ Mejju 1999, kien imnebbaħ minn Alla sabiex iwaqqaf komunità ġdida bl-lsem ta’ Ulied Marija Ewkaristika. Din il-komunita’ ta’ xebbiet ikkonsagrati ġiet imwaqqfa fil-25 ta’ Diċembru 1986 bil-ħsieb li tiġi approvata mill-awtorità tal-Knisja f’Malta bħala Assoċjazzjoni Pubblika tal-Fidili, u aktar ’il quddiem tiġi eretta bħala Istitut Reliġjuż ta’ Ħajja Kkonsagrata (sorijiet) taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Arċisqof ta’ Malta. Fil-mument Ulied Marija Ewkaristika qegħdin jitħejjew għal dan il-għan imsemmi.
L-ewwel membri kienu jgħixu ġo sotterran misluf ġewwa s-Swieqi. Fl-1991, din il-komunità marret f’dar f’Ħal-Balzan sakemm kien qed jinbena l-kunvent apposta għalihom, f’Ħaż-Żebbuġ fi Triq il-Kosbor. Fit-28 ta’ Jannar 1995, il-ħolma tal-Fundatur saret realtà meta l-komunità daħlet tgħix f’dan il-kunvent.
Appostolat
L-appostolat prinċipali tal-komunità jikkonsisti f’dawk l-attivitajiet li jirrigwardjaw il-qima lejn l-Ewkaristija. Aħna norganizzaw ċelebrazzjonijiet tal-Ewkaristija kif ukoll ħinijiet ta’ adorazzjoni bl-iskop li ħafna erwieħ jersqu aktar lejn is-sagramenti u jesperjenzaw il-profondità tal-imħabba ta’ Ġesù. Nilqgħu ukoll fid-dar tagħna reliġjużi u lajċi biex, f’ambjent ewkaristiku jkunu jistgħu jagħmlu attivitajiet reliġjużi bħal irtiri u konferenzi bi skop reliġjuż.
Il-Kariżma
Il-Kariżma ta’ Ulied Marija Ewkaristika hija Ewkaristika Marjana. L-istess isem Ulied Marija Ewkaristika jfisser li l-ideal tal-Komunità u ta’ kull membru tagħha huwa li tgħix fis-sħiħ il-misteru ewkaristiku, fuq l-eżempju ta’ Marija Verġni - l-ewwel adoratriċi u ostensorju ħaj tal-Verb li sar Bniedem - sabiex tpoġġi fiċ-ċentru ta’ ħajjitha u f’dak tal-fidili l-Ewkaristija li hija tgħix fit-talb u fil-kontemplazzjoni u li tesprimiha fl-appostolat tagħha.
Ulied Marija Ewkaristika huma msejħa biex jgħixu flimkien il-ħajja Ewkaristika fi ħdan Marija Omm Ġesù, il-Mara Ewkaristika kif sejħilha l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (April 2003). Imsejħin biex minn ħdan Marija, mhux biss jikkonsagraw il-ħin għall-adorazzjoni tal-Ewkaristija; imma li huma stess isiru ħaġa waħda ma’ Ġesù Ewkaristija; u dan għall-akbar glorja t’Alla l-Missier u għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Il-membri tal-komunità jghixu l-vokazzjoni tagħhom fi ħdan il-Knisja permezz tal-kunsilli evanġeliċi (voti) – faqar, kastità u ubbidjenza. Huma mhux biss iżommu quddiemhom u jimitaw lil Marija bħala l-Ewwel Tabernaklu ta’ Kristu, imma magħha u permezz tagħha, huma jkunu qegħdin jagħtu l-opportunità lil Marija tkompli taqdi fihom lil Binha Ġesù u lill-Knisja.
Ulied Marija Ewkaristika jgħixu ħajja li fiha Ġesù Ewkaristija jkun iċ-ċentru, biex bis-saħħa ta’ hekk ikunu ta’ qawwa spiritwali fit-talb tagħhom għall-Knisja u għall-bqija tal-bnedmin. B’hekk huma jħeġġu l-popli bl-imħabba lejn Ġesù realment u sustanzjalment preżenti fl-Ewkaristija.
Kemm hi relevanti għal-lum?
In-nisrani ma jistax jgħix mingħajr l-Ewkaristija. Hija ħaġa sabiħa li f’dan l-aħħar żmien infetħu ħafna kappelel ta’ adorazzjoni f’diversi rħula fejn wieħed jista’ jsib hin adattat għalih biex jiltaqa’ fis-skiet ma’ Ġesù. Il-frott ta’ żjajjar bħal dawn li wieħed jagħmel lil Ġesù Ewkaristija jibqa’ jirrifletti kull fejn imur u ma’ kull min jiltaqa’. B’hekk inkunu nistgħu nwasslu lil Ġesù Ewkaristija ma’ kull min niltaqgħu u f’dak kollu li aħna nagħmlu. Dan jista’ jpatti wkoll xi ftit għall-offiżi li jsiru permezz tad-dagħa u nuqqas ta’ rispett lejn Ġesù Ewkaristija.
Bil-ħidma tagħna aħna ngħinu sabiex Ġesù jkun iżjed magħruf u maħbub fl-Ewkaristija ħalli kulħadd ikun jista’ jesperimenta il-ferħ li wieħed iħoss meta jiltaqa’ ma’ Kristu Rxoxt preżenti fis-Sagrament tal-Artal u jpoġġi l-ewkaristija bħala ċentru ta’ ħajtu. Bil-preżenza tagħna fid-dinja aħna ngħinu fit-tkabbir tal-Knisja billi kull min iħares lejna jitfa’ l-ħarsa tiegħu fuq Alla.
Marija tista’ tressaqna lejn dan is-Sagrament imqaddes għax għandha rabta sħiħa miegħu … Ir-rabta ta’ Marija mal-Ewkaristija nistgħu narawha wkoll jekk inħarsu lejn il-ħajja interna tagħha. Tul hajjitha kollha Marija kienet mara “ewkaristika” ... Jekk l-Ewkaristija hi misteru tal-fidi … ħadd ħlief Marija ma jista’ jgħinna u jmexxina f’dan it-twemmin. Jekk aħna meta nġeddu dak li Kristu għamel fl-Aħħar Ikla tiegħu nkunu nobdu l-kmandament tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”, ma hemmx dubju li fl-istess ħin inkunu nobdu wkoll is-sejħa ta’ Marija: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. (Enċ. Ecclesia de Eucharistia)
Marija b’xi mod uriet il-fidi ewkaristika tagħha sa minn qabel it-twaqqif tal-Ewkaristija, għax offriet il-ġuf safi tagħha għall-inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla. L-Ewkaristija, waqt li ġġedded it-tifkira tal-passjoni tal-Mulej u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, fl-istess ħin iġġedded ukoll l-inkarnazzjoni tiegħu. Fit-tħabbira tal-anġlu, Marija nisslet l-Iben t’Alla u dan sar fiha bniedem tassew b’ġismu u demmu, u hekk b’xi mod antiċipat fiha dak li jsir b’mod sagramentali f’kull fidil li jirċievi l-ġisem u d-demm tal-Mulej taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid.
“Min iħobb il-Madonna iħobb l-Ewkaristija Mqaddsa. Għalhekk nissejħu Ulied Marija Ewkaristika”, kien ta’ spiss jgħid il-Fundatur lil “Ulied Marija Ewkaristika”. Għalhekk George Grima, daqs kemm kien devot ta’ Ġesù Ewkaristija, kien ukoll devot ta’ Marija Ewkaristika. Għalih Ġesù preżenti fl-Ewkaristija, kienet xi ħaġa li ġġiblu minnufih quddiem għajnejh lil Madonna li spiss kien isejħilha “Tabernaklu ħaj ta’ Ġesù”.
Qabel ma Ġesù ħallilna lilu nnifsu preżenti fl-Ewkaristija, huwa kien preżenti għal disa’ xhur fil-ġuf verġinali ta’ Marija. Il-Madonna kienet taf li hija għandha lil Ġesù, l-Iben t’Alla, ġewwa fiha u flimkien ma’ San Ġużepp, kienet il-ħin kollu tikkontempla dan il-misteru: li Alla sejjer isir bniedem bħalna, barra d-dnub, biex isalvana mid-dnub li writna mill-ewwel ġenituri tagħna Adam u Eva.
Il-Madonna kienet tħossha li Alla qiegħed jinqeda biha, biex Ibnu jkun ippreparat ħalli jitfaċċa, bħala bniedem, quddiem l-umanità. Għal dan kollu, l-Arkanġlu Gabriel kien qallilha biex ma tibżax, anzi biex tifraħ, għax hija kienet mimlija bil-grazzja u l-Mulej kien magħha (Lk, 1,28)
Din il-qawwa Marija urietha fl-istess fatt li hija aċċettat li tkun Omm Alla, anke jekk ma setgħetx tifhem sewwa kif dan kellu jseħħ. Hija qagħdet għal dak li qalilha l-Arkanġlu Gabriel li dan kollu kellu jsir permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu u mhux permezz ta’ interventi umani.
Marija wriet kemm kellha fidi qawwija f’Alla, meta marret iżżur lill-kuġina tagħha Eliżabetta. Hija, mimlija kollha kuraġġ, affrontat malajr u waħidha dak il-vjaġġ li ċert ma kienx vjaġġ komdu għal dawk iż-żminijiet, speċjalment b’tant briganti li kienu jduru f’dawk in-naħat. Hija riedet tmur, avolja fil-kundizzjoni ta’ mara tqila li kienet, għax ridet tagħti l-għajnuna tagħha lil kuġintha, mara kbira li anke hija fi xjuħita kella ssir omm, billi twelled lil Ġwanni l-Battista.
Fid-dawl ta’ dan kollu li ġarbet Marija, aħna nifhmu tlett affarijiet: 1) il-fedeltà tikkonsisti filli ngħidu dejjem “IVA” lil Mulej Alla tagħna; 2) hemm bżonn inkunu fidili lejn Alla fis-skiet, fil-ferħ tagħna u fis-sofferenzi li huwa jibgħatilna; 3) nagħrfu x-xejn tagħna quddiem il-kobor ta’ Alla.
Għalhekk, naraw kemm hija importanti fil-ħajja spiritwali tagħna li aħna inkunu nies kapaċi li ngħarfu dak li Alla jrid minna, biex inwettqu dejjem ir-rieda tiegħu.
Ejjew għeżież nwieġbu għall-vuċi ħelwa ta’ Ġesù Ewkaristija, noqgħodu f’riġlejh għaliex Hu biss iserraħ u jferraħ il-qlub tagħna u b’hekk ngħixu lkoll f’ambjent ta’ paċi u mħabba.
Kuntatt:
Ulied Marija Ewkaristika
32, 'Marija Ewkaristika'
Triq il-Kosbor,
Haż-Żebbuģ ZBĠ 1741
Tel. 21461778
Indirizz tal-Imejl: marewk1986@gmail.com
Warning: preg_match(): Compilation failed: invalid range in character class at offset 12 in /home/customer/www/ferghaewkaristika.net/public_html/wp-content/plugins/js_composer/include/classes/shortcodes/vc-basic-grid.php on line 184